• Persjani - Aaron Aquilina
    Jul 5 2024

    « Il-Malti ma tantx iħallini bi kwieti. Noħroġ mill-kamra tal-letturi u nċempel ’l ommi biex ngħidilha li llum ħa niekol għandha; u ara biss taqbiżli kelma bl-Ingliż għax jibda t-tingiż. Mela nsejtu l-Malti? Minn mindu ’l hawn? Kemm sirt qżież! Imma dan kollu bi tbissima tgħidhuli. Tinkini biex tfakkarni fejnhom għeruqi (hawnhekk! Int Malti ta’ Malta!), ma jmurx ninsa li jien fjura, niġbor għeruqi fil-ħorża, u nitilqilha niġri ’l hemm bħalma għamilt kemm-il darba diġà. »


    https://aphroconfuso.mt/aaron-aquilina-persjani/


    Noti: “ilsien selvaġġ” ta’ Jasmine Bajada huwa pubblikazzjoni Horizons 2023. Ir-referenzi għall-poeżija ta’ Keats kollha meħudin minn Complete Poetry and Selected Prose of Keats, Harold Edgar Briggs, editur, Modern Library 1967, it-tieni edizzjoni. William Wordsworth jitkellem dwar il-poeżija orbikulari f’ittra lil Alexander Dyce, 1833. Jien noħodha minn The Letters of William and Dorothy Wordsworth: The Later Years, E. de Sélincourt, editur, Clarendon Press 1939. Il-kwotazzjoni minn “Fancy” hija meħuda mit-traduzzjoni tal-1988 ta’ Charles Dalli (“Il-Ħajra”) li dehret f’“Keats: Ir-rużinjol fuq l-għatba tat-tmiem”, Leħen il-Malti 23, 1989. Ta’ Stephen Regan minn The Sonnet, Oxford University Press 2019. Il-kwotazzjoni “Minion of grandeur...” ħadtha minn “Written on the Day that Mr. Leigh Hunt Left Prison” ta’ Keats. F’ittra lil ħutu, Diċembru 1817, Keats jitkellem dwar il-kapaċità negattiva. The Letters of John Keats, Maurice Buxton Forman, editur, Cambridge University Press 2011. Rigward l-ataraxia ara Outlines of Scepticism ta’ Sextus Empiricus, Julia Annas u Jonathan Barnes, edituri, Cambridge University Press 2007. Il-kwotazzjoni ta’ Samuel Taylor Coleridge ħadtha mill-entrata tas-16 ta’ April 1834 minn “Table Talk” f’Coleridge in Malta and Siciliy ta’ Donald Sultana, Barnes & Noble 1969. Jules Verne isemmi ’l Malta f’Mathias Sandorf — Voyages Extraordinaires, “Troisième Partie: V — Malte”. Dwar “il-ħoss sensibbli” ta’ Robert Frost qrajt “Robert Frost and the Sound of Sense” ta’ Robert S. Nedwick f’American Literature, Duke University Press 1937. “Autumn Refrain” ta’ Wallace Stevens ħadtha minn The Collected Poems of Wallace Stevens, Vintage 1982. Lil Ġorġ Zammit dwar it-tradizzjoni u l-innovazzjoni qrajtu f’Trifolium: Poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u Poeżiji Maqlubin għall-Malti, pubblikazzjoni tal-awtur stess, 1973.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    44 mins
  • Is-Solitudni tal-Fotografu - Antoine Cassar
    Jun 22 2024

    Hawn xbin, trid kafè?

    Minn ġol-džezva

    jissawwab il-meraq ġamri

    li ’l-qalb dalwaqt iġibha

    ġunġliena mġenġla.


    Deħlin u ħerġin...


    https://aphroconfuso.mt/antoine-cassar-is-solitudni-tal-fotografu/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    4 mins
  • ġenealoġija ta’ bankina - fatima a.m.
    Jun 7 2024

    « il-bankina qatt ma tispiċċa fejn tistennieha li tispiċċa. ma’ kull kantuniera titbewwaq, tixpakka ċ-ċirkonferenza u b’xi mod issib estensjoni mibnija ta’ malajr. bejn storja ta’ tetris raffa, bejn logħba jenga li qatt ma ntrebħet. is-soluzzjoni moderna ferm dejjem immarkata b’linja ħafifa tal-metall, li tissepara l-istorja tal-art mill-futur tagħha, imma l-għaksa taf tintrewa sa ma toħroġ minn dan l-univers t’asfalt u tlaqqit. »


    https://aphroconfuso.mt/fatima-a.m.-ġenealoġija-ta-bankina/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    8 mins
  • Likantropi - Davinia Hamilton
    May 17 2024

    « Xi tfajliet imorru jaraw x’sar, u ma jiġux lura. Tmur oħra, imbagħad oħra. Imbagħad immorru lkoll kemm aħna, rassa sħiħa, kulħadd xhud. Is-sink sewwewh. Il-grouting tal-madum wara s-sink jidher iktar abjad u ġdid minn tal-madwar. Dan l-uniku sinjal tat-traġedja. Nitla’ fuq ponot subgħajja biex nara t-tiswija jien ukoll. Kollox ileqq. Hawn riħa ta’ plastik u affarijiet ġodda. Ix-xebbiet kollha jqarrsu wiċċhom. Ħadd ma jlissen kelma, imma nisma’ n-nifs li qed nieħdu, sinkronizzat. Nisma’ l-polz iħabbat f’rasi, demmi, ir-ritmu ta’ ġismi. Nisma’ l-istess ritmu fit-tfajla ta’ maġenbi. L-istess ritmu f’kull tfajla. »


    https://aphroconfuso.mt/davinia-hamilton-likantropi/


    * Din l-istorja tittratta temi ta’ abbuż u mġiba awtodistruttiva.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    21 mins
  • Noti Editorjali: Noah Fabri
    May 11 2024

    « Dawn il-proċessi kollha huma xi ħaġa li tinteressani peress li ovvjament huma assoċjati aktar man-nisa, max-xogħol tan-nisa, li ma tistax tikkapitalizzah. Jiġi kkapitalizzat, imma l-bażi tiegħu mhix il-kreazzjoni tal-valur, il-valur tiegħu mhux ekonomiku imma huwa soċjali. Qiegħed biex tirriproduċi s-soċjetà, jew tħaddan ’in-nies, biex tieħu ħsiebhom. Dak huwa l-valur prinċipali ta' dan it-tip ta' xogħol. Allura nieħu gost nuża dat-tip ta' xogħol meta nkun qed naħdem fuq proġetti artistiċi. Nieħu gost nagħmilhom waqt li nkun qed nitkellem ukoll fuq il-ġeneru. Meta għamilt Huma Min Huma? kont qed inħit libsa u nitkellem speċifikament fuq il-pronomi. Għal Insalata għamilt insalata waqt li tkellimt fuq ir-relazzjoni tiegħi mal-ikel u l-ġeneru, il-preżentazzjoni u l-ħsieb tiegħi marbut mal-ikel u l-ġeneru. Jiġifieri dejjem kien hemm dawk l-ideat. Anki fil-kitba, meta nkun qed nikteb, dejjem nidħol fid-dettall fuq l-ikel, fuq is-sensi, fuq l-affarijiet effimeri tal-ħajja ta' kuljum. Jiġu anka mill-istudji tiegħi tal-Antropoloġija, li vera tiffoka fuq il-ħajja ta' kuljum, u vera l-ħajja ta' kuljum iġġibha maġika. U dik xi ħaġa li dejjem pruvajt nagħmel għax għalija l-ħajja ta' kuljum hija maġika speċjalment f'postijiet fejn il-kapitaliżmu ma tantx jirnexxilu jippenetra. Għalhekk ukoll vera nidħol fuq is-sensi, fuq il-proċessi tal-ġisem. U li l-karattri jkunu konxji mill-ġisem tagħhom, x'qed jagħmlu fl-ispazju u dawn l-affarijiet kollha li l-loġika assoċjata mal-patrijarkat ma tagħtix kashom, għalija huma l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja tal-bniedem. »


    Waqt din it-taħdita Noah ssemmi There Are More Things ta’ Yara Rodrigues Fowler, u DIY as Privilege ta’ Richard Phoenix.


    https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-poddata-2024-05-11-noti-editorjali-5-noah-fabri/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    1 hr and 10 mins
  • Bur Mgħeż #4: Ħallejt it-tebut għal ġisimha biss - Omar N’Shea
    Mar 28 2024

    « Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż. »


    Ħajr lil Maria Giuliana Fenech għall-għajnuna tagħha fit-traslitterazzjoni ta’ ismijiet mill-Grieg Antik. L-epigrafu huwa meħud mill-ġabra Raxx tas-Silenzju, 2012. Notes of a Naturalist in the Nile Valley and Malta ta’ Andrew Leith Adams kien ippubblikat minn Edmundson and Douglas ta’ Edinburgh fl-1870. Għal dan l-esej ikkonsultajt il-“Museum Annual Reports” disponibbli mis-sit tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti. Ikkonsultajt ukoll it-teżi tad-dottorat ta’ Leila C. D’Souza, “An endemic radiation of deer in the Late Pleistocene of Malta”, disponibbli mis-sit tal-Università ta’ Bristol, it-tieni volum ta’ Zammit of Malta: His Times, Life and Achievements ta’ Roger Ellul Micallef ippubblikat mill-Allied Publications fl-2013; l-ewwel volum tal-Proġett FRAGSUS bit-titlu Temple Landscapes: Fragility, Change and Resilience of Holocene Environments in the Maltese Islands ta’ Charles French, Chris O. Hunt, Reuben Grima, Rowan McLaughlin, Simon Stoddart u Caroline Malone, ippubblikat mill-McDonald Institute for Archaeological Research fl-2020 u disponibbli mis-sit tal-Universita ta’ Cambridge; Red Coats and Wild Birds: How Military Ornithologists and Migrant Birds Shaped Empire ta’ Kirsten A. Greer, UNC Press 2020. Trechmann kiteb dwar ir-riċerka tiegħu f’Malta fl-ewwel ħarġa tal-75 volum tal-Geological Magazine 1938. Dwar l-istess suġġett ikkonsultajt ukoll “Quaternary Environments and Biogeography of the Maltese Islands” ta’ Christopher O. Hunt u Patrick J. Schembri li deher f’Facets of Maltese Prehistory, Anton Mifsud u Charles Savona Ventura, edituri, pubblikazzjoni Prehistoric Society of Malta 1999 u disponibbli hawn. Mix-xogħol ta’ George Zammit-Maempel ikkonsultajt Pioneers of Maltese Geology, pubblikazzjoni P.E.G. 1989, u “The Earliest ‘Treatise’ on Maltese Fossils” f’Melita Historica 8, 1981.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-4-ħallejt-it-tebut-għal-ġisimha-biss/



    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    1 hr and 33 mins
  • Il-Kliem fit-Teorija (taħdita)
    Mar 27 2024

    “Il-Kliem fit-Teorija” kienet taħdita li saret fil-21 ta' Marzu 2024 waqt il-festival Kampus Kotba, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-taħdita kienet it-tnedija ta’ proġett bl-istess isem fuq il-ġurnal.

    Termini fil-ħsieb kontemporanju malajr isibu ruħhom fid-diskors kulturali u politiku mingħajr ma jkun sar ingaġġament mar-raġunijiet għalfejn nużaw lilhom flok oħrajn. Meta niktbu bl-istess lingwa li biha naqraw, faċli nużaw dal-kelmiet mingħajr ma nirriflettu wisq fuqhom. Iżda meta niktbu bil-Malti, id-diffikultà tat-traduzzjoni tista’ ssir privileġġ: tagħtina l-opportunità ningaġġaw mill-qrib mat-termini qabel indaħħluhom fil-lingwa tagħna. “Il-Kliem fit-Teorija” huwa proġett fejn kittieba u speċjalisti jiddiskutu t-traduzzjoni fil-Malti ta’ kliem fil-ħsieb kontemporanju. Il-kelliema kienu Aaron Aquilina, Noah Fabri u Omar N’Shea.


    « Il-filosofija mhijiex sempliċiment ġabra ta’ termini, u t-traduzzjoni tal-filosofija mhijiex biss it-traduzzjoni ta’ dawk it-termini. Iżda l-kelmiet speċjalizzati jakkumulaw tifsiriet kumplessi u jekk naqbdu nużawhom mingħajr ħsieb, qisu m’għandhomx l-istorja tagħhom, inkunu qed naħluhom. Inkunu qed nużawhom biss bħala kantaliena, bħalma darba konna nitolbu bl-amment, mingħajr responsabbiltà lejn dak li qed ngħidu, mingħajr ma nħalluhom isawruna mill-ġdid. Kull kelma hi kuntratt ta’ tifsir u meta niġu biex naqilbuha fi lsienna, dak huwa l-aqwa mument biex nippruvaw nifhmu aħjar dak li qed nippruvaw ngħidu biha. »


    https://aphroconfuso.mt/il-kliem-fit-teorija/


    Peress li kien hemm ħafna attività fil-festival, kellna nipproċessaw ir-recording biex inneħħu l-istorbju mill-isfond, u għaldaqstant f'xi waqtiet il-kwalità tal-vuċijiet mhix għolja daqs is-soltu.


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    51 mins
  • Bur Mgħeż #3: Qegħedtha ġo qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr - Omar N’Shea
    Mar 7 2024

    F’din il-parti, Omar jibda mill-metodi tal-arkeoloġija sakemm jgħaddi għall-mezzi li nużaw bħala bnedmin biex niftakru ’l qrabatna, kemm biex nibqgħu magħhom u kemm biex nerħulhom f’idejn iż-żmien, “il-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet”. Il-metodu xjentifiku li tuża l-arkeoloġija moderna hija l-istratigrafija, tħaffir tat-trinek li jħalluna naraw is-saffi li jserrħu wieħed fuq l-ieħor taħt saqajna.


    Noti: Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u lill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-epigrafu ta’ Tarċisju Zarb huwa meħud minn “Ir-Raġel tal-Glielez”. Il-kitba ta’ C. J. Farrugia, “L-Imqabba fis-Sekli Dsatax u Għoxrin u t-Twaqqif tal-Partiti” fil-ktieb Sicut Lilium: devozzjoni u ritwal tul is-sekli, editjat minnu stess kien ppubblikat fl-Imqabba mis-Soċjeta Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-2012.


    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-3-qegħedtha-ġo-qabar-fuq-l-għolja-tal-ħorr/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    1 hr and 7 mins