Aphroconfuso cover art

Aphroconfuso

Aphroconfuso

By: Aphroconfuso
Listen for free

About this listen

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll.

Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

Aphroconfuso
Art Literary History & Criticism
Episodes
  • Noti Editorjali: Nathan Anthony Pace
    Jan 28 2026

    « Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f'moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. »


    https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-poddata-2026-01-28-noti-editorjali-10-nathan-anthony-pace/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    41 mins
  • Noti Editorjali: Miriam Galea
    Jan 22 2026

    « Inħoss li għandi approċċ sensorjali ħafna jiġifieri mhux ħa nippjana wisq minn qabel imma nsegwi l-istint. Pjuttost proċess awtomatist. Fit-teatru tbegħidt ftit mill-iscripts li titgħallem u tagħmel quddiem in-nies, u mort iktar lejn teatru li jinbena minn proċess ta’ improvizzazzjoni li mbagħad toħloq performance minnu, u l-istess approċċ għandi għall-kitba u għall-arti. Nipprova nsegwi l-proċess u mhux nippjana minn qabel x'se jsir. Inħalli lili nnifsi nispira ruħi minn x'joħroġ waqt li qed naħdem. F’dak is-sens, iva, imbagħad jirriżulta ferm iktar imġissem. »


    https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-poddata-2026-01-22-noti-editorjali-9-miriam-galea/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    43 mins
  • Noti Editorjali: Nicole Borg
    Jan 13 2026

    « Dak inqisu l-punt tat-tluq tar-riċerka tiegħi, il-problema li hawn bħalissa bl-iżgumbrament tal-bdiewa, jiġifieri din hija xi ħaġa li bdiet primarjament minn żmien il-Covid. Qisha faqqset dak iż-żmien però issa qed naraw li qed tikkalma ftit is-sitwazzjoni. Il-bdiewa litteralment qed jiġu żgumbrati minn arthom biex jinħoloq post għal żvilupp. Din tbeżżagħni ħafna. Nafu sew li l-prezzijiet tal-art agrikola hawn Malta huma m'ogħla s-sema, huma ftit mill-ogħla, jekk mhux l-ogħla, fl-Ewropa. U nafu sew li aħna gżira żgħira, l-insularità tinħass f'kulma nagħmlu. Fl-ikel donna nħossuha ftit imma donnha għadha ma waslitx fejn għandha tasal. Il-fatt li l-art agrikola kuljum qed tonqos u tonqos mhux talli qed iżidilna d-dipendenza fuq pajjiżi oħrajn li jipprovdulna l-ikel tagħna imma qed inaqqas mill-possibbiltà li nistinkaw u niddiskutu s-sovranità tal-ikel. Is-sigurtà u s-sovranità jaħdmu flimkien però mhumiex neċessarjament dipendenti fuq xulxin. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-fatt li m'aħniex konxji li art agrikola ma tantx fadlilna, jew il-fatt li mhux qed ikollna dil-konverżazzjoni iktar fit-tul jew iktar fil-wisa'... Hawnhekk jidħol il-kunċett tas-sovranità. Li jkun hemm bżonn li tinnova jew li tadatta l-identità tal-ikel tiegħek hija coping mechanism, fis-sens hija xi ħaġa li għandna obbligu li nagħmlu għax, jekk ħa nibqgħu sejrin hekk, ir-rabta li għandna mal-ikel iktar u iktar se tkompli tintilef. Jiġifieri, fuq livell ta’ individwu nerġa' ngħid, hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu, nibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħna u ngħidulhom, isma', aħna hawn qegħdin, nafu minn xiex intom għaddejjin u nismgħukom qegħdin... Ovvjament fuq livell iktar għoli, fuq livell ta' policy, din il-ħaġa trid tiġi indirizzata b'mod li jolqot oqsma differenti, il-kultura, l-ilma, il-wirt, x'naf jiena. Però, ma nixbax ngħidha, ibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħkom kellmuhom. Qattgħu l-ħin magħhom, ħudu kafѐ magħhom, u minn hemm vera nkunu nistgħu nifhmu l-ikel x'inhu, l-ikel tagħna x'inhu, l-identità tagħna x'inhi, u fejn sejjer dan kollu. Ovvjament dan id-diskors hemm marbut miegħu d-diskors tas-saħħa, kemm is-saħħa tagħna, li tiddependi ħafna minn minn dak li nieklu, kif ukoll is-saħħa tal-art—jekk l-art hija fertili, qed tħaddimha, qed tkabbarha, qed iżżommha b'saħħitha u tista' tibqa' b'saħħitha għall-futur. »


    https://aphroconfuso.mt/nicole-borg-poddata-2026-01-13-noti-editorjali-8-nicole-borg/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Show More Show Less
    35 mins
No reviews yet